Skip to main content

Bdoti fil-Maltemp

Pilots in a Storm

Dan il-ktieb hu frott ta’ ħidma mill-qrib ma’ mijiet ta’ qraba-carers li ġejna f’kuntatt magħhom fil-ħidma ta’ kuljum tagħna. Qraba-carers huma dawk il-membri tal-familja li jerfgħu r-responsabiltà kbira li jikkuraw qarib għażiż marid b’mard mentali b’għożża bla ma jfittxu ħlas u unuri. Jieħdu ħsieb qaribhom marid b’paċenzja, b’umiltà, b’imħabba, b’sens ta’ dover u b’ħafna sagrifiċċji. Jagħmlu minn kollox biex jagħtu lil qaribhom ankra fis-soċjetà. Ta’ spiss huma l-uniċi ħbieb li jibqgħalu l-qarib marid meta kulħadd ikun warrab minn ħajtu.

Il-qraba huma dawk li meta jsibu ruħhom fi dlam ċappa, ma joqgħodux jisħtu mid-dlam imma jixegħlu torċ. Huma dawk li mil-lumi jagħmlu l-luminata. Għalkemm jistħoqqilhom kull unur, għad hawn min iqis li huma l-kaġun tal-marda.

Billi l-kura tal-mard mentali qed tingħata fil-komunità, u billi l-familja qed terfa’ l-piż tal-kura fi ħdanha stess, ħassejna l-bżonn li nkomplu noffru tagħrif li jgħin lill-qraba jitgħallmu aktar dwar kif jieħdu ħsieb qaribhom marid b’mard mentali.

Dan huwa t-tieni ktieb maħruġ bi sħab bejn is-St Jeanne Antide Foundation u l-Mental Health Association, żewġ għaqdiet li jaħdmu id f’id sabiex ikomplu jgħinu lill-qraba jkomplu jerfgħu r-responsabiltà kbira li qed jerfgħu b’inqas tbatija u b’aktar għerf.

Kull kapitlu jitratta marda mentali differenti u suġġerimenti prattiċi fuq kif il-Qraba-Carers jistgħu jkomplu joffru mħabba u kura bla ma jaqtgħu qalbhom u bla ma jitfarrku u jieqfu għax ikunu qatgħu qalbhom. Għażilna li niffukaw fuq il-mard mentali li l-aktar li niltaqgħu miegħu fix-xogħol tagħna fil-komunità.

Huwa faċli ħafna li kull wieħed minna jiltaqa’ ma’ persuni li jbaghtu minn mard mentali. Fil-fatt, il-World Health Organisation (WHO) tgħid li l-mard mentali hu aktar komuni mill-kanċer, mill-mard tal-qalb u mid-dijabete f’daqqa. Għaldaqstant, il-ktieb jista’ jkun utli għal dawk kollha li jafu lil xi ħadd li jbagħti minn mard mentali – jew kollegi fuq il-post tax-xogħol, jew ġirien jew xi ħbieb. Jista’ jinteressa wkoll lil professjonisti f’oqsma tas-social work, tal-psikoloġija, tal-counselling, tal-liġi, tan-nursing, u tal-mediċina u lil kull min qed jistudja u jinteressah il-qasam tas-saħħa mentali. Jinteressa wkoll lill-kappillani u ħaddiema pastorali.

Il-bdoti jafu jidderieġu. Fil-maltemp, għandhom ħafna mezzi ta’ kif jiksbu għajnuna ħalli jsalpaw b’mod li jaslu qawwijin u sħaħ. Il-qraba li jieħdu ħsieb membru għażiż ta’ familthom b’mard mentali wkoll għandhom bżonn jilqgħu ruħhom għall-maltemp. B’din l-għodda, jeħfief it-toqol għax tgħinhom jagħmlu dak li qed jagħmlu b’imħabba u fejda waqt li jibqgħu b’saħħithom.

Ktieb utli maħruġ bi sħab mill-Mental Health Association (Malta) u s-St Jeanne Antide Foundation.

ISBN 978-99957-0-677-7

Learn more
Share your experience (#6)
Donation Form (#3)

Fillup this form to add to our doner list. 

Become a member (#5)
Volunteer Application (#4)